Saturday, 29 December 2018 13:23

    Il-vuċi ta’ Non Amarmi f’Malta biex tkanta ma’ studenti Maltin

    Il-kantanta Taljana Francesca Alotta tinsab Malta biex għada tkanta flimkien mal-istudenti tal-iskola Mater Boni Consilii Saint Joseph, Raħal Ġdid, f’kunċert b’risq l-Istrina. F’intervista ma’ TVM, Francesca Alotta tkellmet fuq esperjenzi diffiċli li għaddiet minnhom fis-snin li kienet nieqsa mix-xena pubblika.

    Magħrufa ħafna għad-dwett li kienet għamlet ma’ Aleandro Baldi bid-diska Non amarmi, u li biha kienu rebħu Sanremo tal-1992, Francesca Alotta tgħid li din id-diska, għenet biex fl-Italja ta’ dak iż-żmien ikompli jinqata’ t-tabù ta’ mħabba minn persuni b’diżabbilità.

    “Din il-kanzunetta kellha l-qawwa kbira li tfiehem lil ħafna nies li li wieħed ikollu diżabbilità ma jfissirx li ma jistax ikollu relazzjoni normali, relazzjoni mibnija fuq l-imħabba. Xi kultant min ikollu diżabbilità jesperjenza l-biża’ li jkun maħbub minħabba li xi ħadd jitħassru. Din kienet il-biża ta’ Aleandro,” fissret Alotta.

    Fis-snin li damet nieqsa mix-xena pubblika, Francesca Alotta għaddiet minn żminijiet koroh ħafna, fosthom mitilha tifel, u batiet minn vjolenza psikoloġika.

    Illum tħoss li għandha tgħid lin-nisa li jgħaddu minn esperjenzi simili biex ma jistħux jitkellmu fuqhom. “Irrid ngħid lin-nisa kollha, tistħux li tirrakkuntaw dak li għaddejjin minnu, sibu l-qawwa fikom infuskom li tirribellaw, li tgħidu daqshekk. Qatt m’hu tard wisq li terġa tibda u tqum fuq saqajk.”

    Francesca Alotta tinsab Malta fuq stedina tal-Kap tal-Iskola Mater Boni Consilii Saint Joseph, Dr Kenneth Vella. Hu spjega li l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jkantaw ma’ Alotta u l-mużiċisti tagħha Paolo Rainaldi u Piero Fortezza f’kunċert li se jsir fl-iskola ta’ Sant’Agatha r-Rabat l-Erbgħa bil-qligħ imur kollu għall-Istrina. Dr Vella qal ukoll li matul il-kunċert se jinbiegħ l-aħħar cd ta’ Francesca Alotta, Anima Mediterranea, bil-kantanta wkoll toffri l-qligħ għall-Malta Community Chest Fund.

    “Naħseb li jgħin ħafna lit-tfal li jkollhom din l-esperjenza li jkantaw b’lingwa oħra. Naħseb li huma tifkiriet li se jibqgħu jgħożżuhom maż-żmien.”

    © 2018 Francesca Alotta. All Rights Reserved.